Imxi mixja miegħi għaliex inħossni għajjien
Din hi l-mixja tiegħi imm’ ej nimxuha flimkien
Bil-mod nagħmel passi kbar fejn tiegħek, spissi w’żgħar
Għini insib triq aħjar
Għini insib triq aħjar
Kun il-bastun tiegħi meta inħossni mifluġ
Nsibu l-art dellija taħt il-friegħi taż-żebbuġ
Tini l-fidi, qalb qawwili f’kull m’hu ġdid u ħaj
Għini insib triq aħjar
Għini insib triq aħjar
Imxi miegħi f’toroq li n-nies ilhom li insew
Fehmni is-sinjali illi għal kollox tgħattew
Saħħanni fil-kesħa li hemm eħrex minn kull nar
Għini insib triq aħjar
Għini insib triq aħjar
Imxi fil-vjolenza li tkun trid tqattgħak biċċiet
F’dan il-ġuf imtertaq qed inixxi d-demm fis-skiet
Lura ejja ma nħarsux, la statwi ma jimxux
Għini insib triq aħjar
Għini insib triq aħjar
Imxi mixja miegħi għaliex daqt insibu bieb
Tnejn biss jistgħu jidħlu, mel’ toqgħodx tinfurma ħbieb
Eqreb għas-sħana tax-xrar, ‘l bogod mill-isbaħ djar
Għini insib triq aħjar
Għini insib triq aħjar
L-Għarwien Tas-Salib
Taħt l-għoli tas-salib
B’qalb imnikkta mxejt
U tlabtek għall-għerf
Li minni int ħbejt
Sabiex inkun nista’
Nagħraf lill-għadu
Għax stħajjilt li floki
Id-dawl huwa ħadu
U l-għerf int tajtni
U nfetħu għajnejja
Għall-kurċifiss tiegħek
U bżajt, Mulejja
Fuq l-għoli tas-salib
Dirgħajk miftuħa
Ġismek spulpjat
Imtertaq
Tiċrita waħda
Dagħwa b’Alla
Dagħwa bik
Beżqa f’wiċċek
Stajt tara l’ min
F’ċokontu rabtek
Għajnejh għalaq
Għax ma riedx jagħrfek
Għażel li jkażbrek
Mill-għoli tas-salib
Il-biża’ tiegħi tagħrafha
U tassigurani
Li dirgħajk miftuħa biżżejjed
Biex jilqgħu lili fihom
Ma jingħalqux madwari
Għax m’iniex marbut
Dirgħajk miftuħa
Biex nibqa paxxut
Li nagħżlek, niċħdek
Ħadd m’hu sidi
Ħadd ma jorbotni
Jew iżommli idi
Mill-għoli tas-salib
Id-dnubiet tiegħi
Tagħrafhom wieħed wieħed
Inixxu ma’ demmek
Sat-trab tal-art
Taħt għarqubek qaddis
Il-wiegħda li
Minn dak il-piż
Inti tħaffifni
Inti tnaddafni
Għax b’ibnek tafni
Mill-għoli tas-salib
Imwarrab ħassejtek
U għalhekk missejtek
Għax hekk tħassartek
Mdemmi, mkisser w’għarwien
Imċaħħad, imwarrab w’għajjien
Iżda malajr ninsa
Kemm tajjeb jinħass is-sliem
U b’qalbi kollha nerġa niċħdek
F’wisq inqas minn tlett ijiem
Aħfirli Mulej
Mhux għax jistħoqqli
Kieku kellek tkun verament ġus
L-għaraq ixoqqli
Naqta’ qalbi
Minn quddiemek nitwarrab
Niġġarraf
Taħt l-uġiegħ li nġarrab
M’iniex ta’ min
B’serjeta’ jeħodni
Meta b’qalbi nkażbrek
Għall-gost ta’ min jobgħodni
Iżda nitolbok biss
Tħallini mmiss
Id-dawl t’għada
Għax forsi għada
Nikber farka
Narak aħjar
Nifhmek aħjar
U nagħrfek aħjar
U hekk intenni
Tismax talbi
Bl-għerf tlibbisnix
Għax jekk nasal nifhem
Min verament int
Nagħraf li maħfra ma jistħoqqlix
Nitolbok minflok
Biex ngħix dir-realta’
Minn tiegħek dewwaqni
Daqsxejn umilta’
Biex ngħix bla ma nifhem
Għal tiegħek biss l-isem
Kull marka fis-salib
Kull musmar
Jorbot u jħoll
U llejl jisfuma f’nhar
Mel’ għada jisbaħ ukoll
Il-bieb jinfetaħ
S’issa ma ngħalaq qatt
Għax m’hemmx aktar ħabib
Minnek, l-għarwien tas-salib
Kollox Sew
Ħlejna ħafna enerġija fl-imbid aħmar qisu dmija
Iċ-ċajt doppju sens jivvibra mal-ħitan
Id-duħħan tas-sigaretti, il-karezzi u l-kummenti
Ikomplu jniżżluni iktar m’jien għarqan
D.J ma waqafx itijja
W’ilu mill-bieraħ fl-għaxija
U il-bews iħalli ġrieħi flok fejqan
U għalkemm kont ili ma narak
Ma nħossnix li vera nimmisjak
Niżfnu żifna w’anke tnej,
La nieqfu ma għandniex għalfej
U kollox sew, kollox sew, kollox sew, kollox sew
U ġismek ma jiswiex xelin
Ta’ Kristu kien ġab biss tletin
Slaleb m’hemmx għall-ħallelin
Ma jeżistix kunċett ta’ ħin
U kollox sew
Ħafna kliem intelliġenti taf issibu seduċenti
F’solitudni xafra taqta’ b’żewġt ixfar
Perverżjonjijiet u gosti, xorta mmorru nieħdu l-ostji
Alla tagħna jaf li l-foloz l-oħra l-agħar
Nkantaw salmi mija mija
W’ma nafux x’inhi l-mistħija
U l-anqas għandna kamra kwieta ġewwa d-dar
U għalkemm nifhmek ma nurix
Nistaħba biex ma tagħrafnix
W’jekk tarani tkellimnix
Naprezza jekk ma twaqqafnix
U kollox sew, kollox sew, kollox sew, kollox sew
Tinħabb ma’ vojt li tiegħek biss
U l-qiegħ qisek ma tistax tmiss
Kapitlu ieħor issa jmiss
Il-bogħod minn Alla u min-nies
‘Mma kollox sew, kollox sew, kollox sew, kollox sew
Ħlejna snin fil-fantasija f’dal-burdell ta’ bżieq u dmija
Min qatt ma daqha, dak bilfors ma jifhimniex
Fid-duħħan tas-sigaretti, il-kliem ta’ kulħadd preżenti
Huwa duwa li fil-knisja ma ssibhiex
F’era ta’ pornografija
Hekk imħallta mal-qdusija
L-oħla talba minn dagħwa ma tagħrafhiex
W’għalkemm smajna li hemm post aħjar
Fejn sena iddum tnax-il xahar
Nippreferu nibqgħu hekk
Għax qatt ma mlejna l-vojt daqshekk
U kollox sew, kollox sew, kollox sew, kollox sew
U ġismek ma jiswiex xelin
Ta’ Kristu kien ġab biss tletin
U kollox sew
Slaleb m’hemmx għall-ħallelin
Ma jeżistix kunċett ta’ ħin
U kollox sew
Nida
Għandi t-tieqa kollha nida
Kanvas ħaj għal qtar ix-xita
U hawn żiffa friska llum
Allura kmieni se nqum
U minn ħolm l-irqad se nsum
Ma rridx nitlef ħin il-ħajja għaliex ili wisq ma nara
Aptit għad-dawlittini n-nida
U ma nafx mnejn għandi nibda
Xmara tofroq xott it-trab
W’ l-ilma kollu ġej mis-sħab
U la hemm vit u l-anqas tapp
Ma rridx narmi ħin il-ħajja u ħriġt
Ngħaffeġ fil-ħamrija
Ġejja ix-xita tmellisli għajnejja
U kemm tiflaħ tkun kbir o Mulejja
Xita taħsel mewt it-trab
Iċ-ċpar imkien ma jinstab
U bħal qalbi l-art tirtab
Sieqi iebsa ‘fset ħanfusa, w’għalkemm qtiltha
Ma tajtx każ
Fuq L-Għatba
Il-weraq mejjet ċaqċaq taħt għarqub żarbunu
Eku taċ-ċavetta ddur biex tiftaħ il-bieb
F’dar vojta, dar tidwi
U ħaffef il-ġewwa
U sakkar warajh
Biex ir-reżħa ma ċċaħdux
Mill-ftit kenn
Li offrietlu l-franka
Mnażża minn kull diċenza
Għalxejn fittex il-kenn komdu
Tas-sħana ta’ koxxtejha
U r-riħ ħasad, ġibed il-fdal tal-weraq
Li xi darba wkoll ħassew l-ilma sħun
Għaddej sparat minn ġo fihom
Għal ġol-abbiss tal-lejl
Pitirross
Kont sibt dal-pitirross sabiħ w’għamilt ħbieb miegħu
Erfajtu w’ħadtu miegħi lura d-dar
U għalkemm tagħni x’nifhem li iħobbni
Jiena ċert illi mingħajri jkampa aħjar
Għaliex bħal dejjem, mort dalgħodu nfittxu
Ħallieli biss memorji ta’ jiem aħjar
Missni kont naf li pitirross ma jsaddadx ġewwa
Missni ndunajt li kont qed nippretendi wisq
Biss, f’episodji sbieħ, wisq aktar rari
Ma tkunx trid taħseb, imma tgawdi l’ għandek biss
U għalkemm m’inix ċert ‘il fejn hu sejjer
Naqta’ jiesi, lura qatt m’hu ġej
Bla ma qal għalfejn, sparixxa darba għal dejjem
Għax qatt m’għalaqt il-bieb
Kont naħseb li għal dejjem konna se nkunu ħbieb
Ħallieni f’nofs ta’ gimgħa
Warajh ma ħalla xejn
Ħlief gaġġa ta’ memorji
Bla ma qal għalfejn
Oħlom Sabiħ
Issa li x-xemx niżlet u nħbiet u qed jaqa il-ksieħ
Il-grillu waħdu qed jikser is-skiet fi djalogu mar-riħ
Ipprova orqod u mur f’dak il-post fejn int dejjem rebbieħ
Għalaq għajnejk, jien qiegħed hawn ħdejk
Striħ u oħlom sabiħ
Ħallih iċekċek u jħabbat il-bieb, tibża’ m’għandekx minn xiex
Mur passiġġata fejn jimraħ il-ħsieb, imsaħħan hawn fil-friex
U ada kif tqum fir-rigal tal-jum, kull jum li ngħixu fiH,
Tiftaħ għajnejk u ssibni hawn ħdejk,
Striħ u oħlom sabiħ
Nistrieħ
Fl-inċertezzi u l’bizgħat tiegħi
Fl-uġiegħ u d-dmugħ
Fir-rabja u d-dubju
Fil-kesħa w’ il-ħmieġ
Fid-dnub u l-mibgħeda
Meta triqti iċċedi taħt saqajja
U kull ma bnejt jiġġarraf madwari
Meta ħabib jiċħadni
U nitriegħed ma’ kull nifs
Naħseb fik
U mbissem nistrieħ trankwill
Xewqat Sbieħ
Ħafna nies ma jifhmux
Għalkemm kulħadd espert
Xewqat sbieħ ma jidhrux
U għalhekk xejn m’hu ċert
Jekk kulħadd qiegħed fiż-żball,
Kulħadd għandu raġun
Insalvaw jew ngħerqu
F’ilma mdardar jew leqqien
Illejla niftakar
Fil-kliem l’għedna int u jien
Żghir dettall, kont fiż-żball
U issa naf għaliex
L-injurant pappagall
Għax baqa’ ma staqsiex
U jekk nikber, jekk nixjieħ
Tgħid kif se nħossni mbaghad?
Ma nafx nifhimx ir-raġuni
W’ma bqajniex flimkien
Illejla qed naħseb
Fil-kliem l’għedna int u jien
Fil-ħajja xejn m’hu żgur
Xejn m’huwa garantit
Għext passat, ġej futur
Li ngħix illum irrid
Għandi tama, għalkemmżgħira,
Għada jkun jum ġdid
U nerġa nsib saħħti jekk illum stenbaħt għajjien
W’ninsa darba għal dejjem
Il-kliem l’għedna int u jien
Ma Bqajtx
U rġajt ħassejtni żagħżugħ
Tfajjel innoċenti
B’ħajti quddiemi
U neħħejt il-pretensjonijiet kollha
Li kont ħallejt jakkumulaw
Qoxra ta’ suċċess proġettat
Dejjem imbiegħed imqar pass wieħed
U ma bqajtx paċifist
Ma bqajtx liberali
Ma bqajtx anarkist
Ma bqajtx storbjuż
Spiċċat il-ġibda għal ismi
Il-glorifikazzjoni tal-istess
Li twassal biss għall-mewt
U ma bqajtx attivist
Ma bqajtx nanaliżża
Ma bqajtx soċjalist
U ma bqajtx intelletwali
Iffukajt ħsiebi fuq ix-xewqa waħdanija
Dik li nsib post fis-skiet
Fejn ma ndejjaq lil ħadd
U fejn ħadd ma jdejjaq lili
Li did-dinja
U dan il-ġisem
Ma jħalluni qatt niskopri
Sakemm ikun tard wisq
Mitluf
Mitluf ngħum fil-fond
Ir-riħ iċaqlaq l-ilma skur
Jgħollih sulari kbar madwari
U jien nistenna li nilmaħ xi dawl
Nistenna li nsib l-art
Id-dlam iebes jgħattini u kollox madwari
Il-beraq imbiegħed iżid ikessaħli qalbi
Tixtieq tispara minn ġo fija
U l-biża’ qiegħed jiblagħni
Jistenna
Iż-żagħżugħ jistenna b’ħerqa liema bħalha
Li l-arloġġ jistenbaħ u jagħmel dmiru
Li l-minutiera titħarrek bi ftit aktar rieda,
Sabiex tmexxi l’ ħajja ‘l quddiem
Sakemm terġa’ turih wiċċha
U ssemmgħu leħenha
U sewwasew meta dak il-mument jasal
Jaqla’ l-arloġġċiniku minn mal-ħajt
U b’mibegħda sfiqa jfarraklu wiċċu, isabbtu taħt saqajh
Għal darba, tnejn, tlieta
B’tama fierha
Li ż-żmien jieqaf hemm
U hu jibqa’ għal dejjem
Iħares lejn wiċċha
U jisma’ leħenha
Għal Kull Lejl
Iva, nibki għax għejjejt
L-isbaħ jiem ta’ ħajti ħlejt
Naf li dlam il-lejl ma ħadni mkien
Biss wassalt sa’ dan il-jum, u għalhekk se nipprova nqum
Nerġa ngħaqqad li kissirt
Nifga l-monstru li fih kbirt
Nagħti ħajja l-ġamar jikwi nar, il-ħin sar
W’hemm ix-xemx turini li bin-nhar
Għalkemm ħajti sewda dnub
L-iswed fl-abjad jaf idub
Nixtieq nemmen li naf nerġa’ nqum
W’forsi għad miegħi narak, u għat-tajjeb nispirak
Kif żogħżiti ħlejt fit-trab
Għandi kilba biex ninħabb
U tas-sħana nerġa nħoss ix-xrar
Il-ħin sar, w’hemm ix-xemx turini li bin-nhar
Iva bkejt
Għal kull lejl li jien kont komdu ħlejt
Imma ar’,
Hemm ix-xemx turini li bin-nhar
Michael
Spettaklu fuq par saqajn
Ftaħt dirgħajk
U d-dinja għamlet inkin
Quddiem ħafn’ eluf
Dawl għammiexi xegħel
U bħal waqaf iż-żmien
Spettaklu makabru mfarrak
Għonqok, dirgħajk imtaqqba
Ġildtek mappa
Xagħrek tatwaġġ
Xort’ għadni nħobbok jien
Ċella Tal-Kliem
Bil-qatran u ż-żejt din qalbi mlejt
Dak li darba ferraħni sar il-kaġun illi bkejt
B’tama fierha nistenna, ninsab ngħodd il-jiem
Nisma vuċi tweġibni, tiegħi stess f’din iċ-ċella tal-kliem
Imxejt nofs il-passaġġ iżda nħossni ntlift
U mank tgħaddi ruħ tajba forsi nsib niddobba lift
Id-direzzjoni żbaljata mħażża taħt il-kmiem
U kultant nittawlilha hawn ġew f’diċ-ċella tal-kliem
Lil Missieri tlabt, għax m’inhix daqshekk mill-agħar
Darb’oħr ibdilli wiċċi forsi ttini ċans aħjar
W’forsi tini karattru li jaf kif isib is-sliem
Illi mpossibbli li nagħraf hawn ġew f’diċ-ċella tal-kliem
Minn għajnejja il-barra min jaf kemm nidher passiv
Jekk xejn ma jintrigani kif tridni inkun attiv
Kull m’hu tajjeb ittappan b’dal-kankru ta’ ġdiem
U hawnhekk biss sirt inħossni sikur f’diċ-ċella tal-kliem
U jekk kollox jieqaf hawn, lejn min jifdalli ndur?
Taħt il-madum nitmermer ma narax għax għandi mmur
Biex fit-tajn u l-franka sa għadmi jiqdiem
Nippreferi għal dejjem indur f’diċ-ċella tal-kliem
Sħabi Sħab Tajjar
Sħabi sħab tajjar
Jgħatti l-medda tas-smewwiet
Purtiera trasparenti
Jsaffi d-dawl
Tal-qamar
Li jaqa’ hawn, fuqi
Sabiex jiena nista’ narah
Lil Min Hu F’Poter Ekkleżjastiku
B’għajnejk ċanfartni, leħnek għollejt
Kif semmejt lil Alla w’fakkartni li int tiegħU
Iktar minni.
U d-dixxipli tiegħek studjaw kull pass li għamilt int
Għaliex fik jaraw
Il-personifikazzjoni tal-irġulija
U bħalek jixtiequ jsiru.
Jarawk, minn fuq l-artal
Iċċanfar il-folla
Imsaħħra bil-maġija li sseħħ
Meta bejn subgħajk tobrom l-ispag
Li jmexxi l-marjunett tal-kongregazzjoni
Li tiżfen mas-salmi tiegħek
F’nofshom hemm jien
Niflik, nagħrfek, naqrak, nistudjak
B’imħabba għal kull m’hu sagru
Niċħad lilek u l’kull ma tirrapreżenta
Għax iġġiegħlni nistmerr
Dak kollu li dejjem għaraft b’tajjeb
Imma issa ninduna
Li għalxejn nisħtek,
Għalxejn inħalli l-preżenza tiegħek
Fuq il-maqdes tkiddni
Illum nifhem, fhimt illum
Li f’din ir-reċta li fiha aħna protagonisti
Jien u int għandna rwoli differenti
Tiegħi li nirrabja
U tiegħek li tammoni
Biss inwissik;
Agħraf sa fejn għandek tilgħab din il-parti
Tinsa’ qatt li m’għandek l-ebda poter
Għajr dak li ġie mogħti lilek mis-sema
U għalhekkk
Id-dnub tiegħek f’ismU huwa akbar
Sajjetti Fil-Viċin
Bħal sajjetti fil-viċin
U rxiex mill-aktar fin
Bħall-mirja l-għadajjar
U l-ilma intajjar
Uċuh minn wara l-ħġieġ
Kemm jidhru maħbubin
W’jien isfel f’dan il-ħmieġ
Nitolbok ftit tal-ħin
Għal mument ta’ sħana
Sa ismi lest inbigħħ
Għax ruħi wisq għatxana
W’nixtieq inħossni sħiħ
U bħal għammiela l-bogħod mill-għar
Il-bogħod mid-dar ninsab għajjien
Il-ħolm li noħlom ikun aħjar
Li kieku noħolmuh flimkien
Is-sħab mit-tqil u l-baxx
Bih ma narax, la dawl la dell
Jekk ma tfittxux ma tarahx
Il-vjaġġ ta’ l-isturnell
Biss għal mument ta’ sħana
Sa ġismi lest inbigħħ
Għax ruħi wisq għatxana
U kemm nixtieq inħossni sħiħ
Fid-Dlam
Kont se nipprova nikteb
Dak li nħoss il-bżonn li nesprimi
Imma n-ngħas rikibni
U għalaqli għajnejja
Għal kull m’hu jiġri madwari
U bħalek spiċċajt
Kuntent fid-dlam komdu tiegħi
Malti Jiena w’Mitluf
Interraq f’dan il-vjaġġ
Ħafna Xtiewi w’Sjuf
Ħallewni bla kuraġġ
Ma nista nsibek imkien
Ħadna wisq pjaċir
U ma tinsab imkien
M’għadni ntih l-ebda sens
Is-sagru u l-qaddis
Tajtu mingħajr kumpens
M’għadni narak imkien
Nfittxuk fil-pjaċir
U ma nsibuk imkien
Tbegħidt mid-dar li naf
Stħajjiltni kuraġġjuż
Ħajti ħattejt, kull saff
Naħseb fik kultant żmien
Iżda il-pjaċir
Ħlieni w’nħossni għajjien
Ma nista nsibek imkien
Ħadna wisq pjaċir
U ma tinsab imkien