
‘Id-dinja ta’ Mikiel hija dinja ta’ żgħażagħ – f’waqtiet anzi, id-dinja tal-awtur, bħal awtobijografija moħbija, u f’kull karattru, Mikiel iqiegħed ftit jew ħafna minnu nnifsu, fid-dinja li jimraħ fiha. Novelli minsuġa minn djalogu konċiż, vibranti, grammatikalment maqtugħ u sottintiż b’allużjonijiet anki metaforiċi meħuda mid-dinja tad-divertiment żagħżugħ.’
‘Id-diskrizzjonijiet tal-karattri, tal-istess ġisem tal-karattri (eż….sidirha kważi jagħmel għalija…ġilda lewn it-tofi…għazez qishom frak taċ-ċikkulata …) jgħinu mhux ftit f’din il-kontemporanjetà tipika fin-novelli ta’ Mikiel. Daqstant ieħor toħroġ mit-terminoloġija, dik ta’ kuljum li sawret ikoni bla sens u drabi twarrabhom biex issib oħrajn.’
‘Il-kontemporanjetà f’dawn in-novelli hi ta’ dinja movimentata, bla kwiet, iżda paradossalment l-awtur żagħżugħ jinqeda b
il-ħila letterarja tiegħu biex ma jħalli xejn jaħrablu minn taħt għajnejh, mill-osservazzjoni, f’waqtiet nebbiexa, rarament filosofika, jekk mhux ta’ live and let live, appuntu ħallih ha jonfoħ ir-riħ.’
‘Mal-qari tan-novelli kollha f’din il-ġabra wieħed iħoss li l-awtur qara ħafna, xtarr ħafna, osserva ħafna, esperimenta ħafna. Bena stili u tfassil u binjiet differenti, minn novelli li għandhom bidu u tmiem għal oħr
ajn li donnhom jibdew mix-xejn u ma jwasslu għal imkien, minn novelli li għandhom xenarju wieħed għal oħrajn li jbiddlu kull ħin ix-xena daqslikieku kienu kitba ta’ film, oħrajn li jseħħu f’paralleliżmu ta’ ħin minkejja li xejn ħlief il-ħin ma jorbothom. Saħansitra jagħlaq bi ħrafa jew parabbola li minkejja li hi ambjentata fid-dinja tal-Punent għandha togħma ta’ ħwawar morali orjentali. Li jgħaqqad din id-diversità fix-xogħol kollu ta’ Mikiel hu l-element kontempranju li l-awtur jinseġ bih kliemu, ħsiebu u r-rakkont u l-letterarjetà ta’ din il-ġabra.’
Ġorġ Peresso, 2013