“Ma teżisti l-ebda evidenza għall-eżistenza ta’ Kristu.”

Blogg Personali

Ġesù ta’ Nazaret u l-Knisja Tiegħu:
Xiljiet u Dubji

It-Tieni Parti

Din li ma teżisti l-ebda evidenza għall-eżistenza ta’ Kristu ilna nisimgħuha. U min isostniha, fl-istess nifs aktarx li jsemmi li l-fatt li m’hemm l-ebda kitba (jew ftit li xejn) dwar Ġesù li nkitbet fi żmienu, huwa wkoll evidenza kontra l-eżistenza tiegħu.

X’nistgħu inwieġbu meta nisimgħu hekk:

Għalkemm huwa minnu li l-kitba kontemporanja (miktuba fi żmien Ġesù nnifsu ) hija limitata ħafna, hemm ħafna biċċiet t’evidenza għall-eżistenza tiegħu. Din ġejja kemm minn sorsi Kristjani u kif ukoll minn oħrajn sekulari. F’ġih l-oġġettivita, illum jagħmel ħafna sens li nevita għal kollox is-sorsi Kristjani u mmur mill-ewwel għas-sekulari.

Taċitu

Taċitu (56-120 WK) kien politiku u storiku Ruman. Fil-ktieb tiegħu Annals (Ktieb 15, Kapitlu 44), kiteb dwar il-persekuzzjoni tal-Kristjani taħt Neruni. Tkellem ukoll dwar dan ‘Christus’ li bata taħt Ponzju Pilatu fi żmien l-Imperatur Tiberju. Bla dubju, din l-evidenza storika, li mhux ġejja mill-Bibbja, għandha tiswa punt jew tnejn. U apparti, ma nistgħux ninjoraw il-fatt li dawn il-Kristjani kienu lesti jissagrifikaw ħajjithom għal dan Kristu bl-aktar manjieri krudili immaġinabbli, daqshekk qrib iż-żmien li ‘suppost’ fih għex. Għax kieku m’għex qatt, li kieku Kristu kien ħlejqa mmaġinarja, ma nistax nifhem kif u għalfejn il-Kristjani bikrin kienu lesti jgħaddu mit-tbatija tal-persekuzzjoni u jħallsu b’ħajjithom għalih.

Flavius Josephus (37-100WK), storiku Lhudi, kiteb fil-ktieb tiegħu Antiquities of the Jews (Ktieb 18, Kapitlu 3) dwar Ġesù. Jiddiskrevih bħala bniedem għaref, li ġie mogħti l-mewt fuq salib minn Pilatu, u magħruf bħala Kristu mis-segwaċi tiegħu. Għal darb’oħra, din l-evidenza u kitba dwar Kristu mhux ġejja mill-Bibbja, iġġorr xi piż żgur, filwaqt li Plinju ż-Żgħir (61-113 WK), maġistrat ta’ Ruma Antika, kiteb lill-Emperatur Trajan dwar kif il-Kristjani kienu qed jaduraw lil Ġesù bħala Alla fil-bidu tat-tieni seklu. Dawn ir-referenzi (li assolutament m’humiex kwotazzjonijiet Bibbliċi), jikkonfermaw kemm li Ġesù eżista u kif ukoll li kien ġie maqtul fuq is-Salib.

Plinju ż-Żgħir

Jekk induru għall-Bibbja nnifisha – illi tajjeb niftakru li m’hijiex ktieb wieħed iżda kollezzjoni ta’ 73 manuskritt jew ktieb – fiha nsibu l-ittri ta’ San Pawl. Dawn, miktubin ftit deċennji biss wara l-mewt ta’ Ġesù, huma fost l-eqdem u l-aktar sorsi ta’ min joqgħod fuqhom. Il-fatt li kienu miktubin daqshekk qrib is-snin li fihom għex Ġesù, għal darb’oħra, jagħtihom ċertu kredibbilta. Għax immaġina lili nħarref xi ħaġa dwar x’ġara f’Malta fis-snin sebgħin jew tmenin… il-gideb tiegħi ma tantx ikollu ħajja twila kieku, mhux hekk?

Il-Ġebla ta’ Pilatu

Sejbiet arkeoloġiċi, bħal m’huma il-Ġebla ta’ Pilatu (Pilate Stone), u l-Ossarju ta’ Ġakbu (James Ossuary), ukoll ikomplu jagħtu sostenn u kredibbilta lir-rakkonti tat-Testment il-Ġdid.

Fl-aħħar mill-aħħar, kif tipikament kien jiġri ma’ diversi figuri famużi ta’ żmien il-qedem, l-istejjer dwar Ġesù kienu għal żmien twil imxerrda u mgħallma bil-fomm, qabel ma finalment spiċċaw imniżżla fuq il-karti – jew biex inkun eżatt, fuq il-papirus! Mela il-fatt li illum m’għandniex xi ħafna evidenza/rakkonti miktuba f’dak iż-żmien stess m’huwiex evidenza li Ġesù m’eżistiex, anzi huwa tipiku tal-kuntest storiku li fih għex.


Leave a comment