Ġesù ta’ Nazaret u l-Knisja Tiegħu:
Xiljiet u Dubji: It-Tielet Parti
L-attakk:
Meta wieħed ifittex li jiskredita l-Bibbja, fost l-ewwel li jattakka hijal-awtentiċità tagħha. L-argument huwa illi għalkemm ġejna mgħallma li l-Evanġelji kienu miktuba mill-erba’ Evanġelisti: Mark, Mattew, Ġwanni u Luqa, fil-verita’ ma nkitbux minnhom iżda minn dixxipli tagħhom jew minn terzi persuni oħra. Allura, jekk anke rigward l-identità tal-awtur hemm id-dubji, kif jista’ jitwemmen il-kontenut?
It-tweġiba:
L-identità tal-awturi tal-Evanġelju ilha sekli sħaħ tiġi diskussa u argumentata bejn studjużi w’teologi. Filwaqt li kritiċi moderni jiddubitaw bil-qawwi kemm dawn ġew miktuba mill-appostli nfushom, hemm evidenza storika u kif ukoll tradizzjonali, li dawn fil-fatt ġew miktuba minnhom jew minn nies qrib tagħhom ħafna.
Testimonjanza tal-Knisja Bikrija: Tradizzjonalment, il-Knisja dejjem attribwiet il-kitba tal-Evanġelji għall-
individwi li huma magħrufa li kitbuhom – Mattew, Mark, Ġwanni u Luqa. Kittieba w’teologi bikrija tal-Knisja bħal m’huma Irinew, Papias ta’ Hierapolis u Tertuljan, ilkoll provdew evidenza qawwija li turi li l-Evanġelji kienu miktuba mill-Appostli jew mis-segwaċi diretti tagħhom. Papias, per eżempju, fix-xogħol tiegħu Logiōn Kyriakōn Exēgēsis (magħruf aħjar bħala Exposition of the Sayings of the Lord), kiteb li l-Evanġelju ta’ Marku huwa bbażat fuq it-tagħlim ta’ Pietru filwaqt li l-Evanġelju ta’ Mattew huwa bbażat fuq dak li ra b’għajnejh. Ix-xogħol ta’ Papias wara ġie kkwotat minn kittieba bħal Ewsebju ta’ Ċesarija li, fl-Istorja Ekkleżjastika (Ecclesiastical History), Ktieb 3, Kapitlu 39, kiteb li Marku irreġistra t-tagħlim ta’ Pietru b’mod mill-aktar preċiż, pero mhux dejjem f’ordni kronoloġika, filwaqt li Mattew kiteb kollezzjoni ta’ frażijiet li qal Ġesu (“logia”), oriġinarjament bl-Ebrajk. F’dan il-kuntest Ebrajk jista’ jfisser ukoll Aramajk.
L-Evanġelisti Appostli u l-oħrajn li m’humiex: Issir ħafna kritika dwar l-Evanġelji ta’ Mark u Luqa. Għax la huma stess ma kinux Appostli, kif setgħu ikunu jafu x’qal meta kien ikun waħdu jew imdawwar bit-Tnax? L-Evanġelji kienu miktubin minn individwi, li jew kienu xhieda diretti tal-avvenimenti (Mattew u Ġwanni), jew inkella relatati mal-Appostli (Marku u Luqa). Marku, per eżempju, kien ħabib u kumpann ta’ Pietru, filwaqt li Luqa kien kumpann ta’ Pawlu u storiku. Il-fatt li kellhom assoċjazzjoni hekk viċina tal-Appostli jagħti saħħa kbira lit-testimonjanza tagħhom u jislifa ammont t’awtentiċità – anke jekk din it-testimonjanza ma kinitx miktuba mill-Appostli nfushom.
L-Irwol tat-Tradizzjoni Orali: L-Evanġeli kienu miktubin biex tkun ippreservata t-tradizzjoni orali misluta mill-ippritkar tal-Appostli. Il-fatt li l-Kristjani tal-bidu kienu tant kommessi li jiktbu l-messaġġi ta’ Kristu (biex ma nsemmux li jgħixu ħajja ta’ persekuzzjoni għalih u jispiċċaw jagħtu ħajjithom għalih fl-Areni), jagħti saħħa tremenda lil dawn ir-rakkonti.
Fl-aħħar mill-aħħar…
L-ipoteżi illi l-Evanġelji m’humiex kollha ta’ min joqgħod fuqhom jew joħodhom bis-serjeta, sempliċiment għaliex forsi ma kinux miktuba mill-Appostli nfushom ma tagħmilx daqshekk sens ladarba tkun skrutinizzata. Il-fatt li l-Awturi nfushom jew kienu preżenti waqt l-avvenimenti rrakkuntati, jew kellhom assoċjazzjoni viċina ħafna ta’ min kien preżenti, jagħti kredibbilta sostanzjali lill-kitbiet. Iktar u iktar meta nqisu l-mod kif dawn l-istejjer inxterdu u ġew emmnuti u meqjusa bħala awtentiċi mill-Kristjani tal-bidu nett.

