Għażiż Ricky,
Rajt b’attenzjoni kbira il-filmat bl-isem L-Istorja Moħbija ta’ Ġesu’, li tellajt fuq il-pjattaformi soċjali tiegħek nhar l-Erbgħa 16 t’April. Smajt b’reqqa kulma għedt u nemmen li int qajjimt diversi punti li jirrikjedu reazzjoni. Qiegħed niktiblek hekk, f’forma ta’ bloggata u mhux sempliċiment f’kumment taħt il-post tiegħek jew messaġġ privat, għal żewġ raġunijiet primarji.
1. Qiegħed nantiċipa li dan li se nikteb se jkun kemmxejn fit-tul u allura żgur se jkun tedjanti biex taqrah fil-format ta’ kumment. Beħsiebni li, anke b’rispett assolut lejk, fejn hemm bżonn, il-kummenti tiegħi ikunu fid-dettall. Bħalma inti ħadt il-ħin u x-xogħol għar-riċerka u l-produzzjoni, l-istess beħsiebni nagħmel jiena. Se nirriċerka u nivverifika fejn ikolli dubji u mhux se nwieġbek minn żniedi. Ċert li taprezza.
2. Minħabba li l-filmat tiegħek ratu udjenza numeruża, nixtieq li nagħti opportunita’ lill-istess udjenza biex ikollha aċċess għal riċerka jew tisma’ qanpiena differenti minn dak li ppreżentajt inti. U finalment, kif dejjem tisħaq int, jiddeċiedi l-individwu. Irsistejt kemm stajt biex inkun rett u eżatti fir-risposti tiegħi, pero’, bħalma għamilt inti waqt il-filmat tiegħek, nilqa’ kull opportunita’ għal iktar tagħlim. Se nippreżenta l-kummenti fi 12-il sezzjoni; ippruvajt niġborhom skont it-temi diversi li qanqalt int.
NB. Xtaqt nippowstja l-filmat li tellajt inti fuq youtube fl-intier tiegħu fil-bidu nett ta’ dan il-blogg, sabiex nagħmilha iktar faċli għal dak li jkun li jifhem il-kuntest tal-kummenti tiegħi billi jirritorna għal-video tiegħek, pero’ meta’ għamilt hekk, FB ma ħallinix nippowstja l-artiklu, allura kelli kontra qalbi nneħħih.
1) L-Argument Dwar L-Evidenza Dwar Kristu
Minkejja li int stqarrejt għal iktar minn darba li m’hijiex l-intenzjoni tiegħek li tiskredita xi fidi jew oħra, qattajt ftit ħin mhux ħażin tenfasizza n-nuqqas ta’ evidenza li teżisti għall-eżistenza ta’ Ġesù. Tidher issorprendut b’kif m’għandna l-ebda kitbiet dwaru llum li nkitbu dwaru meta kien ħaj. Ikkuntrastajt lil Ġesù ma’ personalita illum – anzi biex inkun eżatt, miegħek innifsek bħala podcaster, u qisek skantajt kif illi llum faċli ħafna li wieħed isib evidenza tiegħek, ħafna iktar milli jsib ta’ Ġesù. Sħaqt b’mod repetut li ma teżisti l-ebda evidenza konkreta għall-eżistenza materjali ta’ Kristu. Xejn fuq il-livell tad-Dead Sea Scrolls – xi ħaġa tanġibbli u verifikabbli bl-eżamijiet tal-carbon dating.
“Xejn, xejn, xejn,” ilmentajt. “Lanqas karta waħda!”
Ricky, donnu ftit jagħmel differenza għalik li inti qiegħed tgħix fl-era diġitali u li Ġesù għex elfejn sena ilu. Ngħid għalija, ma nafx kemm jagħmel sens li tikkuntrasta n-nuqqas t’evidenza (eżistenti llum – għax jaf kien hemm u ntilfet!) dwar xi ħadd li għex elfejn sena ilu, mal-evidenza li teżisti illum, dwar bniedem li qiegħed jgħix illum. Speċjalment issa, meta kull ma nagħmlu huwa daqshekk faċli li jkun irrekordjat u ddokumentat b’mod permanenti.
2. Ġesù kien “Alla u għammar fi bniedem.”
Ma nafx kemm qiegħed tfittex li tkun teoloġikament preċiż, iżda din hija suppożizzjoni skorretta għal kollox. Ġesù qatt ma kien “Alla li għammar fi bniedem”, iżda Alla sħiħ daqs kemm bniedem sħiħ. Fih jinsabu żewġ naturi kompleti, id-divin u l-uman, uniti mingħajr problema ta’ xejn. Ġesù m’huwiex Alla ġo kontenitur jew qoxra umana. Ġesù huwa Alla li ħa s-sura umana. Mhux sempliċiment qiegħed “jgħammar fi bniedem”.
Naturalment, nifhem u nirrispetta li jekk inti ma temminx f’dan kollu, jaf m’hux importanti għalik li tipprova tkun preċiż fil-lingwaġġ. Imma f’dak il-każ, naħseb li lanqas m’għandek tiddiskrevih bħala “Alla u għammar fi bniedem”. Għax jew temminha kollha l-ħaġa, jew ma temmen xejn.
3. L-Evanġelji bħal logħba Telefon
Enfasizzajt ħafna li l-Evanġelji kollha ġew miktuba donnhom il-logħba tat-telefon; wieħed jgħid lill-ieħor, dan jirripeti lil ta’ ħdejh, sakemm il-messaġġ kollu (jew talinqas, l-essenza tiegħu) tispiċċa diluted – tintilef għal kollox. Iktar u iktar meta dan, kif spjegajt inti, sar fuq medda ta’ deċennji. Fi kliemek, “Il-Vanġeli nkitbu hekk! Kollha hekk inkitbu! Mhux huma (l-Evanġelisti) kitbuhom!” Kien ikun tajjeb ħafna kieku spjegajt kif inti ċert minn dan. Fejn hi r-referenza riċerkata u affidabbli għal dan, jekk jogħġbok? Qed nistaqsik ukoll minħabba li f’xi filmati li tellajt biex tirreklama din l-‘intervista’, aċċennajt kemm-il darba għal kemm kull ħaġa li għedt hija rriċerkata u vverifikata bis-sorsi miktubin iswed fuq l-abjad. Naħseb din, jistħoqqilha citation, mhux hekk?
4. L-Evanġelji sempliċiment Ittri għall-Komunitajiet
Ricky, għedt li l-Evanġelji ma kinux intenzjonati biex jgħallmu lid-dinja, imma iktar donnhom ittri miktubin mill-Evanġelisti biex jikkomunikaw ma’ komunitajiet partikolari. Biex tfihem aħjar, tajt l-eżempju (xi ftit umoristiku), ta’ bħallikieku inti qiegħed tikteb xi ittri għall-komunitajiet ta’ emigranti Maltin, u skontok, wara mija jew mitejn sena, dawn il-kitbiet kieku awtomatikament jiġu kkunsidrati l-Evanġelju ta’ San Ricky. Qisek għedt hekk biex turi kemm ma kienx hemm checks and balances jew bżonn ta’ xi rekwiżiti partikolari sabiex dawn l-ittri jitqiesu Skrittura. Jekk ma jimpurtax, hemm numru ta’ inkorrettezzi f’din it-tixbiha li permezz tagħha dgħajjift ħafna l-valur propju tal-Evanġelji.
– Filwaqt li huwa minnu li l-Evanġelji kienu miktubin għall-komunitajiet diversi, dan jgħodd ukoll għall-maġġioranza tal-kitbiet miġburin fil-Bibbja. B’daqshekk, dan ma jnaqqas xejn mill-awtorità jew verità li tinsab fihom.
– L-Evanġelisti kienu qed jippreservaw testimonjanza bil-kitbiet tagħhom, iktar milli opinjoni (kif kieku jagħmel San Ricky, jew San Mikiel, ħa). Qatt ma ppużaw bħallikieku kienu qed jiktbu xi djarju relax, anzi kemm Luqa (Luqa 1:1-4) u anke Ġwanni (Ġwanni 20:31) għamlu sforz biex ifehmu li l-intenzjoni hija li jiddokumentaw il-verita’. Ironikament, silta oħra ta’ Ġwanni (Ġwanni 19:35): Dan qiegħed jixhdu min ra b’għajnejh, u x-xhieda tiegħu hija minnha. Hu jaf li qiegħed jgħid il-verità, biex intom ukoll temmnu, inti lejn l-aħħar tal-intervista ddiskrivejtha bħala “vera bla sens.”
– L-Evanġelji kienu meqjusa awtoritatevoli mill-bidu nett. Mhux filli xejn, u filli, mitejn sena wara, (bħall-Evanġelji Ipotetiċi Ta’ San Ricky ), huma meqjusa Bibbja. Kienu ppreservati u kkwotati mill-bidu nett. Voldieri, mhux minnu li awtomatikament isiru Evanġelji, sempliċiment għax antiki.
– Li kieku dawn kienu sempliċiment ittri, għalfejn kien ikun hemm bżonn (u kif tispjega li kien hemm) dik l-ammont ta’ konsistenza u qbil bejniethom? Minkejja li kienu miktubin minn awturi differenti u għal udjenzi differenti, hemm konsistenza straordinarja bejn it-temi fin-narrattiva: l-identita’ divina ta’ Kristu, il-mewt u r-riżoruzzjoni, il-mirakli, etc. Li kieku dawn kienu biss ittri komuni jew noti speċifiċi għall-komunitajiet, nimmaġina li kien ikun hemm diverġenzi akbar. Iżda li għandna hawn huwa xhieda appostolika u din tagħtihom l-unità tagħhom.
– L-aħħar u l-iktar punt kruċjali fuq din. Kieku int (jew jien) qed niktbu lill-komunitajiet Maltin barra minn xtutna, anke mitt sena oħra, ħadd m’hu ħa jfixkel kliemna ma’ kontenut divin. Iżda fl-Evanġelji nsibu lil Ġesù jaħfer id-dnubiet (prerogattiva divina), lil Ġesù jqum mill-imwiet (ippreżentat bħala fatt storiku) u lil Ġesù jġib fis-seħħ numru ta’ profeziji. Dawn m’humiex just noti. Dawn huma numru ta’ stqarriji li tista’ jew taċċettahom jew tinneghom.
Mela ma nafx kif tista’ tgħid li l-Evanġelji kienu biss kollezzjonijiet t’ittri mhux maħsuba biex jgħallmu. Ma nafx għala għandek tgħid dan.
5. Il-Q Source
Ricky, semmejt il-vanġelji Q (taqsira ta’ Quelle – Sors bil-Ġermaniż), vanġelji li, kif għedt sewwa inti, huma allegati biss. Ipotetiċi. Ma jeżistux u m’għandna l-ebda evidenza għall-eżistenza tagħhom. Biss inti semmejthom fil-kuntest li għall-Knisja, dawn huma, “Bulletproof… evidenzi għall-Ġesu’”. Mnejn ġibtha din, Ricky? Il-Knisja qatt m’għallmet li l-Q hija duttrina u ma tiddependix fuqha bħala prova storika ta’ Kristu.
Il-Kristjanita’ hija primarjament imsejsa fuq ix-Xhieda Appostolika u L-Evanġelji stabbiliti. Imbagħad hemm sorsi extra-bibbliċi (Taċitu, Josephus, Pliny ż-Żgħir etc) u -esperjenzi li għexu l-Komunitajiet Kristjani bikrin.
Mela huwa skorrett li tgħid li għall-Knisja, Q huwa “Bulletproof… evidenzi għall-Ġesu’”. Il-Knisja m’għandiex bżonn lil Q biex tipprova li Ġesù verament eżista. Hemm diġa’ abbundanza storika fuqiex isserraħ. Q hija teorija moderna u mhux manuskritt.
6. Papias u l-Mewt ta’ Ġuda
Ricky, enfasizzajt id-diskrepanzi fir-rakkonti dwar il-mewt ta’ Ġuda bejn dak li jikteb Mattew (“tgħallaq”) u Luqa (“waqa fuq il-blat u ħarġulu msarnu”). Għedt ukoll li skont Papias, meta niżżluh mit-tgħalliq, kien għadu ħaj. Imbagħad għedt, “Jekk ħa nemmnu ’l Papias, mela, bħala sors awtentiku, heq – l-istejjer ta’ Ġuda mela fil-Bibbja m’humiex minnhom!”
Ricky, ibda biex, għandek żball – imkien fit-texts tiegħu ma Papias isemmi t-tgħallieq.
Apparti dan, fil-verita’, il-Knisja ma tqisx li hemm xi kontradizzjoni partikolari bejn dawn ir-rakkonti. Papias huwa iktar meqjus li qed jelabora fuq tradizzjonijiet orali u li kien qiegħed jamplifika l-ħsara fuq il-ġisem (u r-ruħ) ta’ Ġuda iktar bħala twissija morali dwar il-konsegwenza tad-dnub milli bħala fatt storiku. U anke kieku kien qiegħed jikkontradixxi l-Iskrittura – li mhux il-każ – Papias m’huwiex Skrittura spirata. Il-Knisja mkien ma qatt qalet li kien. Papias kiteb deċennji wara l-Evanġelisti, u biċċiet mill-kitba tiegħu huma meqjusa dubjużi (jew mitoloġiċi) anke minn Missirijiet tal-Knisja bħal Ewsebju.
7. Josephus Flavius
Ricky, ippreżentajt każ kontra d-dipendibbilta’ (jew kemm wieħed jista’ joqgħod fuq) ta’ Josephus Falvius. “Josephus Flavius kiteb 95 sena wara Ġesù… iġifieri 62 sena wara li miet Ġesù. Nemmnuh?” Umbagħad komplejt bl-eżempju tal-ġganti li kiteb dwarhom. Għidt, “Jekk temmnu bħala storiku li la kitibha, vera eżista’ Ġesù, mela mbagħad trid temmen ukoll fuq dawn il-ġganti.”
Mela… filwaqt li jien ma qrajtx eżattament x’kiteb Flavius fuq il-ġganti, kif nimmaġina li taf sew, ħafna kittieba kienu jiktbu dwar affarjiet li kienu parti mill-kuntest kulturali jew tat-twemmin popolari tagħhom. Per eżempju, Herodotus (imlaqqam Missier l-istorja) ukoll kiteb koċċ affarjiet fantastiċi, pero l-istoriċi ma jaqbdux u jarmu kulma kiteb minħabba f’hekk. Bl-istess mod, il-kitba ta’ Flavius fuq il-Ġganti (jista’ jkun li kien qiegħed jikteb dwar in-Nephilim?) żgur li ma jinvalidax ir-rapporti aktar fattwali tiegħu, speċjalment dwar dawk li jinvolvu l-politika Rumana.
Ricky, fuq Flavius ukoll, semmejt li dan jitkellem dwar it-tlieta minn sħabu li ra msallba u talab biex jinħelsu. Għedt li niżżilhom ħajjin “wara erbat ijiem.” Mill-mod ta’ kif ippreżentajt l-argument tiegħek hawn, qiegħed ċarament talludi li jew Flavius huwa giddieb – għax impossibbli li dawn baqgħu ħajjin wara erbat ijiem, jew inkella li huwa impossibbli li Kristu verament miet wara ftit siegħat. Donnu rridu nagħżlu.
Fil-verita’, m’huwiex il-każ. Ibda biex, għandek żball fuq l-“erbat ijiem.” Jien smajt minnek u rriċerkajt The Life of Josephus. It-text huwa dan –
“When I was sent by Titus Caesar with Cerealis and a thousand horsemen to a certain village called Thecoa, as I was returning, I saw many captives crucified, and I knew three of them as my former acquaintances. I was very sorry at this in my mind, and went with tears in my eyes to Titus, and told him of them; so he immediately commanded them to be taken down, and to have the greatest care taken of them in order to their recovery. Yet two of them died under the physician’s hands; the third recovered.”
Filwaqt li nemmen li ż-żieda tal-“erbat ijiem” kien żball ġenwin min-naħa tiegħek, pero’ l-istqarrija tiegħek kienet qed isserraħ fuq dawk l-erbat ijiem, li huwa dettall miżjud. Issa ejja ngħidu li dawn kienu ilhom imsallba jumejn, jew tlieta. Xorta waħda ma nistax nifhem għalfejn tara dan bħala evidenza kontra r-riżoruzzjoni ta’ Kristu, għal numru ta’ raġunijiet.
– It-tul tal-kurċifissjoni kien ivarja ħafna skont iċ-ċirkustanzi. Kien hemm min kien imut fi ftit siegħat, oħrajn kienu jkarkru ġranet.
– Mark 15:15 jgħidilna li Kristu kien flaġellat qabel ma ingħata l-mewt fuq is-salib. Il-flaġellazzjoni tant kienet brutali li setgħet tkun fatali. Il-flagrum Rumana kienet kapaċi toħloq trawma estensiva fil-ġisem, kull daqqa ċċarrat fil-laħam sabiex tesponi l-muskoli u organi interjuri. Wisq probabbli, Kristu kien diġa’ kważi mejjet qabel ma sammruh mas-Salib.
– Ir-Rumani kisru s-saqajn tat-tnejn misluba fuq il-lemin u x-xellug ta’ Kristu biex iħaffu l-mewt tagħhom, imma Kristu kien mejjet diġa’ (Ġwanni 19:33). Dan id-dettall juri li kien common knowledge li l-mewt setgħet tieħu aktar fit-tul.
8. San Luqa l-Plaġjarist
F’punt minnhom, iddiskrivejt lil San Luqa bħala “qisu plaġjarist.” Għedt, “Lil Ġesù ma laħqux hu. X’għamel allura – biex jagħmel Vanġelju biex ibiegħu lin-nies?” Komplejt tiddiskrivih bħala “ħaxxej… sa ċertu punt, qabad stejjer fl-antik testment illi kienu hit…” u hawn spjegajt li l-massakru tal-innoċenti ta’ Erodi huwa sempliċiment qisu remix (kelma tiegħi) tal-massakru mill-Farawni fil-kotba tal-Eżodu, u semmejt ukoll li “illum il-ġurnata, nafu li mhux vera dik” – għal ta’ Erodi. “Il-Knisja tgħidlek li mhux vera.”
Ibda biex, kien Mattew u mhux Luqa li rrakkonta l-Massakru tal-Innoċenti (Mattew 2:16-18). Jien u nisimgħek ħadt l-impressjoni li kont qiegħed tatribwixxih lil Luqa, jekk jien żbaljat fuq dan, aħfirli. Pero’ li jien żgur minnu hu li inti għal iktar minn darba, sħat li l-Knisja iddikkjarat li l-Massakru ta’ żmien Erodi ma ġarax tassew.
Hawnhekk żbaljat, Ricky.
Filwaqt li huwa minnu li xi studjużi (anke Kattoliċi) jenfasizzaw il-punt li m’hemm l-ebda referenza għal dan il-massakru barra mill-Bibbja, dan il-fatt waħdu ma jinnegax li jista’ jkun li verament kien hemm dan il-massakru. Fuq kollox, dan kien avveniment żgħir ħafna. Kbir għalina, għax anke l-qtil ta’ tifel wieħed huwa skandaluż u atroċi, imma kif taf, Betlehem kien post żgħir ta’ bejn 300 u 1000 ruħ. Jekk Erodi ordna l-imwiet tas-subien t’inqas minn sentejn, bejn wieħed u ieħor jaf qed nitkellmu dwar għoxrin, l-iktar l-iktar tletin, ħamsa u tletin tifel.
U bħal f’kollox, nuqqas t’evidenza ma jfissirx evidenza t’assenza.
Ippermettili ngħidlek, Ricky, li li ssejjaħ lil San Luqa “plaġjarist” jixhed nuqqas t’għarfien jew aprezzament dwar kif kittieba Lhud kienu jużaw it-tipoloġija – forma ta’ rakkuntar u interpretazzjoni ta’ kif avvenimenti passati jipprefiguraw oħrajn futuri.
Luqa (u Mattew) ma kinux qed jisirqu mill-antik testment “biex ibiegħu” imma kienu qed jaraw kif Kristu jagħmel sens jew jagħti sens ġdid, opri aktar bikrin t’Alla.
9. Il-Verġinità tal-Madonna
Dwar kemm Ġesù twieled minn verġni (jew le), kont ikkummentajtlek fuq il-clip li qtajt – se nitfagħlek copy/paste tal-kumment tiegħi hawn –

Laqatni ħafna, pero’, il-fatt li meta Matthew ipprova jislet risposta definittiva mingħandek – “Kien hemm intercourse, mela, ma Ġużeppi,” ir-risposta tiegħek kienet, “ma nafx, jien ma kontx magħhom fis-sodda, imma s’issa ma naf lil ħadd li twieled bil-Holy Ghost.” Għandek raġun, Ricky. Ħadd ma jitwieled bil-Holy Ghost… sakemm dak il-persuna m’huwiex Alla inkarnat. U dak hu Ġesù. Li kieku twelid verġni hija okkurrenza komuni, x’kien ikun hemm notevoli jew mirakoluż fiha?
10. Lixandria u l-Għerf Eġizzjan ta’ Kristu
Ricky, inti spjegajt kif, skont San Ġustinu (dejjem skont dak li taf u rriċerkajt inti), Ġesù ġie mgħallem il-filosofija Eġizzjana fi tfulitu u filfatt, dan anke sejjaħlu t-tieni Sokrate. Għedt li fi tfulitu, Ġesù kellu l-opportunita jżur l-aqwa universita’ tad-dinja, il-Biblioteka ta’ Lixandrija u ħa l-għerf tiegħu minn hemm. “San Justinu, u l-Knisja m’għandha l-ebda problema taċċettah dan!” għedtilna. Umbagħad komplejt tispjega kif “din l-istorja ssib l-apiċe tagħha…” f’meta Ġesù kien ‘mitluf’ fit-tempju.
Ricky, nemmen li hawn tinsab żbaljat ukoll.
San Ġustinu mkien ma jgħid li Ġesù studja l-filosofija f’Lixandria. Din hija biss leġġenda jew storja, u mhux dikjarazzjoni minn Missirijiet il-Knisja. Il-Biblioteka ta’ Lixandria żgur li ma kienx post faċilment aċċessibli għal tifel Lhudi fqir minn Nazareth. Mela x’qal eżattament San Ġustinu?
Għandek raġun tgħid illi ikkumpara lil Kristu ma’ Socrates, iżda mhux eżattament fil-kuntest li ddeskrivejt int. Anzi, San Ġustinu ddifenda ħafna id-divinita’ ta’ Kristu, u qal li hemm xi veritajiet fil-filosofija Griega minħabba li l-Verb innifsu (Logos) kien attiv matul iż-żminijiet kollha, imma qal ukoll li Kristu nnifsu kien Logos inkarnat. Fl-aħħar mill-aħħar, Ġustinu jargumenta b’mod espliċitu li Ġesu ma tgħallimx il-verita’ divina mill-umanita’ imma li kien divin mill-bidu nett.
Ħa nikkwota lilu – San Ġustinu Martri, l-Ewwel Apoloġija 23:
“Whatever things were rightly said among all men, are the property of us Christians… for all the writers were able to see the truth darkly through the seed of the Word implanted in them.” Mela filwaqt li huwa minnu li Ġustinu nnota xi veritajiet fil-ħsieb Grieg u Pagan, dejjem insista li Ġesù kien il-verita’ tal-Kelma fil-milja tagħha, u mhux li silet l-għerf tiegħu mill-Griegi u l-Pagani.
Ġustinu kien jammira lil Socrates u lil filosofi Griegi oħrajn minħabba li kien jemmen li kienu parzjalment imnebbħa mill-Kelma Divina. F’dal-kuntest, filwaqt li huwa minnu li kkumpara lil Ġesù ma Socrates, li kien qal kien, li Ġesù huwa l-milja (jew fulfillment) ta’ dak li Socrates esperjenza biss ftit minnu. Imkien ma qal li Kristu studja l-filosofija ta’ jew bħal Socrates.
San Ġustinu emmen li l-filosofija kienet “preparazzjoni għall-Evanġelji” (praeparatio evangelica). Lil Socrates ikkunsidrah bħala “logos spermatikos”– xi ħadd li kellu fih iż-żerriegħa tal-Kelma (Logos) imma mhux il-verita’ sħiħa, li hija preżenti fi Kristu biss.
Nerġa’ nikkwotah – L-Ewwel Apoloġija 46:
“Christ is the Logos, in whom every race of men shared. Those who lived according to reason are Christians, even though they were called atheists. Such men as Socrates, Heraclitus, and others like them.” Mela San Ġustinu emmen li Socrates, bħan-nies kollha ta’ rieda tajba, kellhom fihom xrara ta’ verita’ divina, pero’ li Kristu kien il-Verita’ Divina magħmula bniedem. Mela mhux li Kristu tgħallem l-għerf mill-filosfi, imma li l-filosfi raw traċċi tal-verita’ li finalment kienet se ssib il-milja tagħha fi Kristu.
11. L-Iktar Każ Korrott
Lejn l-aħħar tal-filmat, għamilt numru ta’ stqarrijiet interessanti: Ħa nibda billi nikkummenta b’mod ħafif dwar ir-rakkont fantastiku tal-opra “Macchiavellata” (kliemek) denja ta’ film ta’ Christopher Nolan (kliemi) illi tteoriżżajt li aktarx seħħet fl-aħħar siegħat ta’ Kristu fuq is-Salib. Hawn ippreżentajt dik li hi magħrufa bħala l-Iswoon Theory (jew it-Teorija tal-Istordament). Teorija fantastika li ilna nisimgħu, u li tibqa’ toffri divertiment.
“Dan jista’ jkun l-ikbar każ korrott li qatt rat id-dinja,” imfassal bejnu u familtu (skontok, iz-Ziju Ġużeppi ta’ Arimatea – milljunarju ekwivalenti għal Ministru potenti u korrott tallum) il-Madonna Ommu, Marija ta’ Kleofa San Ġwann, u l-Madalena (skontok, il-girlfriend ta’ Ġesù).
Komplejt tirrakkonta kif, aktarx grazzi għall-għerf Egizzjan li Kristu akkwista f’Lixandria, tgħallem iħawwar mhux ħażin fil-mediċina. Il-mewt tiegħu kienet staged, ma kienx mejjet iżda daħal f’koma bil-mirra li tah is-suldat fl-isponża, u l-familja ħbietu. Dewwewh bil-mirra biex fejqulu l-ġrieħi u ħarrbuh lejn l-Indja.
Storikament, m’hemm xejn xi jsostni dit-teorija. Medikament hija implawsibbli għall-aħħar. Ġisem Ġesù, u ġisem kull min għadda minn flaġellazzjoni Rumana, skont l-istoriċi, kien pjaga waħda. Ma kienx se jidliklu ftit Aloe Vera u jerġa’ jiġi talequale. Il-mewt ta’ Kristu kien ikkonfermat mill-eżekuturi Rumani u l-Kristjani Bikrin ilkoll emmnu fir-reżuruzzjoni, u mhux sempliċiment li Ġesù ssopravixxa t-tortura. L-istorja ta’ Kristu fil-Kashmir ġejja minn sorsi skreditati tas-seklu 19 u l-ebda storiku ma joħodha bis-sejreta’. Hija meqjusa biċċa finzjoni, u mhux beħsiebni nfettaq wisq fuqha jien.
Imma hawn kummenti ta’ malajr ħafna rigward dettalji forsi aktar superfiċjali li semmejt int, li jmorru lil hinn min-narrattiva Swoon infisha.
– Imkien m’hemm evidenza storika jew Bibblika li tgħid li Ġużeppi kien iz-Ziju ta’ Ġesù. Mnejn ġibtha din? Fejn hi r-referenza għaliha? Għalik dan huwa dettall importanti għaliex semmejt ħafna kemm il-familjaliżmu ta’ bejn iz-ziju u n-neputi lagħab parti importanti f’din l-istorja.
– Din l-istorja li kienet popolarizzata mir-Russu Nicolas Notovitch kienet uffiċjalment esposta bħala gidba. Kienet investigata minn Max Müller, Orjentalist Ġermaniż rinomat, illi saħansitra kkuntattja l-Monasteru li Notovitch kien semma fil-ktieb tiegħu. Il-patrijiet t’hemmekk, la qatt kienu semgħu b’Notovitch u wisq anqas bil-manuskritti. J.Archibald Douglas, professur f’Agra ukoll ikkonferma li din l-istorja hija ffabrikata.
Din l-istorja ilha meqjusa gidba u hoax 140 sena. Niskanta w’nitnixxef kif u għalfejn inti, mela, Ricky Caruana tagħtiha daqshekk piż, u ssejħilha ‘teoloġija’. Din hija l-big revelation? Din hija l-istorja moħbija ta’ Ġesù?
– M’hemm l-ebda evidenza storika, arkeoloġika jew Bibblika li tgħid li Ġesù u l-Madalena kienu romantiċi ma’ xulxin. M’hemm l-ebda sors ta’ min joqgħod fuqu li jgħid li Kristu qatt bies lill-Madalena fuq ħalqha. Din l-dea ġejja minn manuskritt gnostiku frammentat – illi la jsemmi l-kelma ‘ħalq’ u lanqas ‘xufftejn’. Hawn donnok għamilt fill-in-the-blanks int (kif għamlu ħafna oħrajn qablek ukoll, to be fair), u alludejt għaliha bħala fatt, “…li kienet l-uniku dixxiplu li Ġesù bies fuq ħalqu”. Allura, tajjeb hekk?
12. Tliet Notamenti oħra
Ftit notamenti finali dwar tliet stqarrijiet oħra tiegħek. Mhux se nikteb fit-tul.
1) “Il-Buddiżmu huwa a way of living. Il-Kristjaneżmu ġabuh politika – set of rules – hekk ma tistax, hekk dnub, hekk ħażin… u hekk farrkuh lill-bniedem, iktar milli għamlulu ġid.” Ricky, il-Kristjaneżmu veru irridu verament ngħixuh aħna l-Kristjani. Il-Kristjaneżmu huwa bbażat fuq il-kunċett ta’ free will. Jekk ħaddieħor iġibu politika, dak mhux il-Kristjaneżmu tiegħi. Dak kif ġabu ħaddieħor. Il-problema hija iktar x’jagħmel l-individwu bil-Kristjaneżmu, milli bil-Kristjaneżmu nnifsu, le?
2) Meta Matthew semmielek il-Lizar ta’ Kristu, inti għedtlu biss, xott xott, li “dawk conspiracy theories. M’għandhomx x’jaqsmu.” Il-Liżar ta’ Turin huwa l-iktar oġġett (individwali) studjat fid-dinja. Naħseb li jimmerita ħafna iktar minn sempliċiment “conspiracy theories”.
3) “Is-Slaten maġi daħlu fl-istorja għax propju Ġesu kien jgħallem kunċetti buddisti.” Mnejn ġibtha din? L-Islaten Maġi tfaċċaw fl-infanzja ta’ Kristu.
Biex nagħlaq,
Ricky, nixtieq ġenwinament nirringrazzjak talli ħloqt dan il-kuntest fejn wieħed jista’ jkompli jitgħallem, ifittex u jirriċerka. Kif ġieli tgħid inti, isbaħ mit-tagħlim m’hemmx. Nittama ħafna li tibqa’ tirriċerka, tistudja u tfittex il-verita’. U li tqasam magħna dak li ssib.
Fl-istess ħin, nittama wkoll li lkoll kemm aħna nitgħalmu nagħrfu l-qamħ mis-sikrana. Mhux kull “teoloġija” hija ta’ min joqgħod fuqha. Mhux kull riċerka reliġjuża, mhux kull teorija u mhux kull leġġenda hija “teoloġija”… li ħa twassalna għall-verita’. Fl-aħħar mill-aħħar, hija l-intenzjoni tagħna fit-tiftix li tagħmel id-differenza kollha. Jekk se nibda’ nfittex u nirriċerka bit-tir li nsib l-evidenza li tikkorrabora dak li diġa’ nemmen (jew ma nemminx), se nibqa’ fejn kont. Jekk verament irrid infittex li nikber u li nersaq eqreb lejn il-verita’, irrid l-ewwel nett niftaħ qalbi u moħħi għall-possibiltà li jaf għadni ma naf assolutament xejn.
Nitlob u nittama li lkoll kemm aħna nkomplu ninfetħu dejjem u bl-aktar mod ġenwin għall-verita’, u li fil-proċess, kemm jiena u kemm inti, permezz ta’ ħidmietna u bħala żewġ umani ta’ rieda tajba, inkunu ta’ sostenn għal xulxin fl-istess vjaġġ.
Grazzi Ricky, u sliem!