Ġesù ta’ Nazaret u l-Knisja Tiegħu:
Xiljiet u Dubji: Ir-Rabà Parti
L-akkuża:
Il-Knisja mhux talli hi antikwata w’mimlija għanqbut, talli dejjem qatta’ bla ħabel kontra x-Xjenza.
Ir-Risposta:
Min għadu jgħid hekk, jew huwa misinfurmat, jew inkella jagħżel li jiffoka fuq aspetti partikolari ta’ uħud mir-rakkonti l-iktar magħrufa tar-relazzjoni ta’ bejn il-Knisja u x-Xjenza (per eżempju, il-każ ta’ Galileo) filwaqt li jinjora għal kollox li jagħmel aċċenn għal diversi individwi, illi minkejja li kienu reliġjużi kienu wkoll protagonisti fl-istorja tal-progress xjentifiku.
Hekk hu, fil-verita, numru ta’ pijunieri fix-xjenza moderna kienu Kattoliċi devoti illi emmnu b’qalbhom kollha li meta wieħed jistudja d-dinja naturali jkun qiegħed jersaq pass eqreb biex jifhem il-kreazzjoni t’Alla. Il-Knisja kienet protagonista fil-proċess tal-ippreservar tal-għerf Medjevali illi għadna ngawdu minnu illum. Li ma kienx għall-isforzi tal-Universitajiet tagħha u komunitajiet Monastiċi, ħafna dokumenti akkademiċi u letteratura klassika ilhom li għosfru għal dejjem.
Storikament, il-Knisja Kattolika minn dejjem kellha sehem importantissimu fir-riċerka u d-disseminazzjoni tal-iżviluppi xjentifiċi. Ibda biex, l-Osservatorju tal-Vatikan, li ġie mwaqqaf mill-Papa Gregorju XIII, huwa wieħed mill-eqdem stituzjonijiet tar-riċerka fid-dinja.
Fuq nota oħra, kienu membri tal-kleru Kattoliku li taw fost l-aktar kontribuzzjonijiet sinifikanti fl-oqsma tal-astronomija, fiżika, bioloġija u matematika. Forsi wieħed mill-aktar eżempji prominenti ta’ dan huwa Georges Lemaître, qassis Kattoliku u fiżiku Belġjan illi ppropona l-Big Bang Theory bħala l-oriġini tal-univers fis-snin 1920 – ħafna qabel ma din it-teorija bdiet titqies plawżibbli mill-bqija tad-dinja.
Gregor Mendel, patri Agostinjan huwa mejqus missier il-ġenetika moderna, filwaqt li Roger Bacon, Franġiskan, huwa meqjus wieħed mill-iktar avukati bikrin tal-Metodu Xjentifiku – kunċett illi mhux se nipprova nagħmel tabirruħi li naf nispjega. Nicolaus Copernicus, li minkejja li huwa dibattibbli kienx reliġjuż ordnat, huwa mifhmum li kien Kattoliku devot, ifformula l-mudell eljoċentriku, li fi ftit kliem huwa t-twemmin li d-dinja ddur madwar ix-xemx, iktar milli x-xemx iddur madwar id-dinja.
Il-Kwistjoni tal-Knisja vs Galileo
Meta niddiskutu l-Knisja vs ix-Xjenza, moħħna mill-ewwel imur għall-każ famus ta’ Galileo Galilei. Fil-qasir, li kien ġara kien dan; dak iż-żmien (qed ngħidu fil-jiem bikrin tas-seklu 17), il-konsensus donnu kien li x-xemx torbita madwar id-dinja (ġeoċentriżmu), u mhux li d-dinja ddur madwar ix-xemx. Meta Galileo (li tajjeb insemmi li kien Kattoliku devot) sab evidenza li saħħet it-teżi ta’ Copernicus (li d-dinja fil-fatt m’hijiex iċ-ċentru tal-univers), il-kbarat tal-Knisja tathom rashom. Ir-raġuni kienet, li minħabba l-interpretazzjoni letterali li kienet tagħti lil diversi versi mill-Iskrittura (li hawn se nsemmi biss tnejn minnhom), għaliha kienet ereżija li wieħed jgħid li d-dinja kienet tinqala’ minn ‘postha’ biex iddur max-xemx.
– Minn Salm 104, vers 5: “Int waqqaft l-art fuq is-sisien tagħha b’mod li qatt ma titħarrek.”
– Minn Koħelet 1, v5: “Ix-xemx titla’, ix-xemx tinsel, u tgħaġġel lejn mnejn titla’.
Dawn il-versi u oħrajn bħalhom, jekk toħodhom b’mod letterarju, iva, jinftehmu li qed jissapportjaw it-teżi ġeoċentrika. Pero’ l-kotba fl-Iskrittura m’humiex kotba akkademiċi jew xjentifiċi, u li kieku kellna naqrawhom b’dik il-mentalita, hija ħaġa ovvja li nispiċċaw ngħaffġu. Kif, fil-fatt, spiċċat għamlet il-Knisja (ċioe, it-tmexxija tagħha) fil-każ ta’ Galileo. Talbitu jippreżenta s-sejbiet tiegħu bħala ipoteżi biss, mhux bħala fatti. Imma Galileo, naturalment, insista, kemm privatament u kemm pubblikament, illi hija d-dinja li torbita madwar ix-xemx. Ma damx ma sab ruħu quddiem l-Inkwiżizzjoni Rumana fejn instab misjub ħati ta’ tixrid t’ereżiji (jew ta’ suspetti qawwija li qalhom.) Sussegwentament – u taħt piena ta’ tortura – kellu jirtira l-argumenti kollha tiegħu u wara li għamel dan, għex il-bqija ta’ ħajtu maqful f’daru, taħt house arrest.
Maż-żmien, il-Knisja (li bilmod tgħallmet tinterpreta u taqra l-Bibbja b’mod ħafn’aħjar) indunat li għażqitha. Il-Knisja hija fl-aħħar mill-aħħar magħmula minn umani bħali w’bħalek; umani difettużi fi tfittxija kontinwa għall-verita’. Fl-1992, permezz tal-Papa Ġwanni Pawlu II, il-Knisja aċċettat u għarfet b’mod uffiċċjali li kienet żbaljat fit-trattament ta’ Galileo, u llum, naturalment, m’għandhiex nitfa problema taċċetta li hija d-dinja, li fil-fatt, iddur max-xemx.
Mela anke f’din il-kwistjoni, l-issue ma kinitx eżattament li l-Knisja kienet kontra x-xjenza jew il-progress, iżda l-interpretazzjoni stretta u żbaljata tagħha tal-Iskrittura. Forsi l-biża tagħha, iktar milli kienet li taċċetta l-fatti xjentifiċi, kienet mill-bieb li beżgħet li jinfetaħ fuq x’seta’ jiġri jekk wieħed jinterpreta’ l-Bibbja kif jiftillu jew b’mod skorrett.
Fid-dinja kontemporanja, il-Knisja b’mod konsistenti tafferma l-kompatibbilta’ tal-fidi u x-xjenza. Fis-snin disgħin, il-Papa Ġwanni Pawlu II iddikkjara li “ix-xjenza tista’ tippurifika r-reliġjon mill-iżball u s-superstizzjoni; u r-reliġjon tista’ tippurifika x-xjenza mill-idolatrija u assoluti foloz.” Il-pożizzjoni tal-Knisja fuq l-evoluzzjoni (kif artikulata mill-Papa Piju XII fl-Enċiklika Humani Generis, 1950), hija wkoll li t-teorija tal-evoluzzjoni hija kompatibbli mal-fidi Kattolika, sakemm din ma tinnegax l-eżistenza tal-Kreatur. Fl-1996, il-Papa Ġwanni Pawlu II stqarr li l-evoluzzjoni hija “iktar minn ipoteżi” u tenna li l-kunċett huwa kompatibbli mal-fidi.
Mela m’huwa minnu xejn li l-Knisja hija kontra x-xjenza. Anzi, b’mod konsistenti, il-Knisja ilha tkun minn ta’ quddiem fir-riċerka għal kulma jista’ jtejjeb l-umanita’, partikolarment fl-oqsma tal-mediċina, l-ekoloġija u l-esplorazzjoni spazjali permezz tal-Osservatorju tal-Vatikan.



