Ġesù ta’ Nazaret u l-Knisja Tiegħu:
Xiljiet u Dubji
L-Ewwel Parti
Ix-Xilja: Ġesù ma kienx Alla / Ġesù kien San Mikiel magħmul bniedem.
Il-Bibbja hija konsistenti ħafna fl-argumentazzjoni tagħha li Ġesù huwa Alla. Fi Ġwanni 1:1 naqraw “Fil-bidu kien il-verb, u il-verb kien ma’ Alla u l-verb kien Alla.” Il-kelma verb, Logos bil-Grieg, Word bl-Ingliż, hija assoċċjata’ mat-tieni persuna tat-Trinita’ mqaddsa. Ġwanni 1:1 jidentifika l-verb kemm bħala Alla u kemm bħala ma’ Alla – jew fi kliem ieħor, ta’ natura divina. Voldieri Alla.
Fi Ġwanni 1:14 imbagħad naqraw hekk – “U il-verb sar bniedem u għammar fostna.” Dan jindika li Kristu, li inizjalment/minn dejjem kien imwaħħad m’Alla, issa ħa l-forma umana. Xorta jibqa’ l-istess Alla. Ma tnaqqaslu xejn.
Fi Ġwanni 20:28, Tumas lil Ġesù jsejjaħlu “Mulej tiegħi u Alla tiegħi.” Ma tantx hemm fejn wieħed jitfixkel f’din is-sentenza. Mulej u Alla.
F’Kolossin 2:9, naqraw “Fih hemm tgħammar il-milja sħiħa tad-divinità fil-ġisem”. B’dan il-vers nifhmu li f’Ġesù jinsabu l-attributi u l-kwalitajiet t’Alla. Id-divinita’ t’Alla m’hijiex parzjali fih, iżda kompleta u assoluta. Dan huwa fost l-aktar vrus Bibbliċi li jintużaw biex jikkumbattu ereżiji komuni, bħal per eżempju, dik li Kristu kien raġel, uman komuni li fih għammar Alla.’ Din hija ereżija – Kristu huwa Alla fil-forma umana. Alla bl-aktar mod komplet. Mhux Alla f’kontejner uman, biex inpoġġuha hekk.
Fuq nota oħra (pero xi ftit relatata), ix-Xhieda ta’ Ġeħova jemmnu li mhux talli m’hemmx distinzjoni bejn San Mikiel u Ġesù, talli li Ġesù huwa San Mikiel magħmul bniedem. Jiġġustifikaw din it-teorija/twemmin, primarjament b’dawn ir-raġunijiet li ġejjin:
1. F’Danjel 10:13, Mikiel huwa msejjaħ “wieħed mill-prinċpijiet ewlenin” li jipproteġi lin-nies t’Alla. Dan allura jindika li Mikiel għandu awtorita’ qawwija, xi ħaġa li l-bniedem is-soltu jassoċja ma’ Ġesù u jatribwixxi lilU.
2. F’Apokalissi 12:7, hemm miktub “Imbagħad qamet gwerra fis-sema: Mikiel u l-anġli tiegħu jitqabdu mad-Dragun. U d-Dragun u l-anġli tiegħu tqabdu.” Għal darb’oħra, hawnhekk lil Mikiel, ix-Xhieda ta’ Ġeħova jassoċċjawh ma’ Kristu peress li huwa Kristu illi finalment jirbaħ fuq ix-Xitan.
3. F’Ġuda 1:9, naqraw, “L-arkanġlu Mikiel, meta ħadha max-Xitan u beda jħaqqaqha miegħu fuq il-ġisem ta’ Mosè, ma wasalx biex ikkundannah bi kliem ta’ żebliħ, imma qallu: “Ħa jrażżnek il-Mulej”. Ix-Xhieda tal-Ġeħova jassoċjaw l-irwol ta’ Mikiel hawn, iħaqqaqha max-Xitan fuq il-ġisem ta’ Mose’ deċedut, mal-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù. Ir-raġunar tagħhom ikun, f’dan il-każ, illi Mikiel huwa involut fil-qawmien ta’ Mose’ mill-imwiet, u dan l-attribut, għal darb’oħra, huwa ta’ Kristu.
4. Argumenti lingwistiċi: Mikiel (Mika El) ifisser “Min hu bħal Alla?” Tal-Ġeħova jirraġunaw li t-tweġiba ta’ din il-mistoqsija tinsab f’Ġesu’ nnifsu. Allura Ġesù u Mikiel bilfors huma ħaġa waħda.
Minn aspett Kattoliku, hemm diversi modi kif wieħed iwieġeb għal dawn l-argumenti. Fost l-oħrajn, hemm li fit-teoloġija Kattolika hemm distinzjoni ċara bejn in-natura tal-Kreatur (li m’huwiex kreat) u tal-Kreaturi. L-Anġli, San Mikiel inkluż, huma servi t’Alla, magħmulin minnu. Apparti dan, it-Testment il-Ġdid jirreferi għal Ġesù bħala l-Iben Waħdieni t’Alla, u li r-relazzjoni ta’ bejniethom hija esklussiva għalihom. L-ebda anġlu m’għandu sehem f’din ir-relazzjoni. Jekk nirraġunaw li Kristu u San Mikiel huwa l-istess, inkunu qed innaqqsu ħafna mill-istatus uniku u divin tiegħU.
Forsi waħda mill-iktar siltiet Bibbliċi li jgħinuna nirrispondu għal din ix-xilja b’mod definittiv tinsab f’Apokalissi 22 8-9. “Kont jiena stess, Ġwanni, li smajt u rajt dawn il-ħwejjeġ kollha. U, wara li smajthom u rajthom, inżilt quddiem l-anġlu li wrihomli biex nagħtih qima f’riġlejh, imma qalli: “Hekk le! Jiena qaddej bħalek u bħal ħutek il-profeti, u bħal dawk li jħarsu l-kelmiet ta’ dan il-ktieb. Il-qima lil Alla agħtiha.” Din is-silta tagħmilha ċara ħafna li l-Anġli ma jistennew u ma jaċċettaw l-ebda qima, u li l-qima hija għal Alla biss.