Kikkra Kafe’ Sewda: Kullimkien hemm Salib!

Kikkra Kafe' Sewda

Illum dik in-naqa’ sewda u vojta għandna bżonnha iktar mis-soltu, hux ? Aħjar ninfexxu fiha minflok fit-tali…taf għal min qed ngħid. Għax bħal m’għandi tali jien, għandek int, u għandu kulħadd.

Qed ngħid għal dik il-persuna…fil-grupp tal-ħbieb… fil-familja jew fuq ix-xogħol… li ġġiblek demmek ilma. Dik il-persuna li dejjem jirnexxilha ġġibek titkellem tajjeb. (Jew ħażin, proprjament).

Li forsi ġġiegħlek tidgħi ħa.

Ara… ej neqilbu d-diskors għax qed nara subgħajk jibjadu mal-magg u qisek ħa ġġibu frak f’idejk iktar ma nsemmilek. Hux?

Jew…?

Fejn konna. Dawk in-nies diffiċli. Li jġiegħluk tinħaraq, tiżbalja, tinkedd. Tqatta’ s-siegħat tqatta’ l-istonku hekk kif taħseb fihom. F’dik l-aħħar kelma (aktarx botta), li tefgħulek u li int ma sibtx risposta għaliha. Ħasduk biha, hux.

Dawk in-nies li tispiċċa thewden għal ħin twil fuq kif l-aħjar tpoġġi l-kliem, kif ħa forsi tfiehmhom. Tipprova tiġġustifika għalfejn qed jittrattawk kif qed jittrattawk. Tipprova tħares lejk innifsek minn għajnejhom. Forsi tifimhom, tkellimhom, u tbiddilhom.

Forsi jinbidlu. 

Dar-raġunar jispiċċa jaf ikissrek aktar milli jgħinek. Vera li l-komunikazzjoni u d-djalogu għandhom ikunu dejjem priorita’… imma ma tridx tistenna li jsiru mirakli l-anqas. Għax min twieled tond ma jmutx kwadru u min twieled antipatku (kelma goffa imma kultant sinċiera), aktarx imut hekk ukoll. Il-problema m’hix tiegħek, imma tiegħu.

Jistgħu jinbidlu dawn in-nies? – Speċjalment jekk huma komdi fl-antipatija tagħhom?

Le.

Tista’ tbiddilhom int?

Lanqas.

X’tista’ tagħmel dwarha?  Mhux wisq. Ħlief taċċetta li hawn min forsi m’għandux grazzja miegħek. Dak huwa dritt tiegħu, kif inhu dritt tiegħek tiffansja lil min trid.

Isbaħ, poġġejniha hekk hux?

Ħa nieħu boqqa oħra…

… kif? …

Le użgur li m’inix ngħid li ħaddieħor jista’ jagħmillek ħajtek miżerja u jkollok toqgħod għalih. M’aħniex niftiehmu. Jagħmillek ħajtek miżerja min tħalli int. Jaffettwak fit-tul min tagħtih il-permess biex jagħmel hekk.

Ngħiduha kif inhi, jien l-ewwel wieħed ta’ spiss neħel ma’ kelma ta’ dak jew ta’ dik. Imma ninqala’ minnha hekk kif nirrealiżża li jien inkun qed inwaħħal lili nnifsi. U dik il-persuna li qed iġġiegħlni nitmasħan u nitqatta’ u nagħmel imsarni bir-rabja u l-frustrazzjoni…. dik il-persuna aktarx m’għandhiex idea minn xhiex jien għaddej.

Mela… għal li jmiss. Ipprova ikkomunika mal-persuna. Forsi tasal x’imkien magħha. Imma trid taċċetta wkoll li bħal ma f’kull knisja w’kappella ħa ssib salib, hekk ukoll ħa ssib slaleb f’kull xogħol, grupp jew familja. U tixkatla kemm tixkatla fih, forma ta’ salib ħa jibqa’. Taf tneħħi xi skalda jew tnejn, imma s’hemm.

Għal li jmiss sieħbi. Nagħmillek wieħed jien.

 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s