Bonġu sieħbi.
Ilna ftit ma niltaqgħu hawn, ngħidu kelma hux? Ilna ftit.
Mhux hekk hux…it-tnejn konna mħabbtin, jien mod u int ieħor… imma issa qisu ħa nerġgħu naqbdu nissetiljaw fir-rutina komda tagħna.
Le… komda hux. Skomda għala? La hi r-rutina li ħloqna aħna stess għalina nfusna?
Hmm… hekk hu… ir-rutina aħna noħolquha imma tgħejjina wkoll. Inkunu rridu dak il-brejk minnha. Dik il-bidla fir-rutina. Dik iċ-ċaqlieqa żgħira. Ir-rutina li, għalkemm imburġata appuntamenti intenzjonati biss biex jgħinuna nsibu l-verament skop tagħna, tiġi tant tedjanti, tant irritanti… tant monotona… Anke l-kelma nfisha. Ru-w-tijj-na – donnha ma tispiċċa qatt.
U kultant ukoll… taf tfittex… u allura ssib – dak ix-xaqq dawl għal forsi bidu ġdid – il-farka tama li, b’pass jew tnejn, taf tasal tibda rutina differenti, forsi aħjar – imma rutina tibqa. Tibqa’ lsienek imdendel, imlebleb għall-iċken ċans li dik ir-rutina tkissirha, tibdilha f’xi ħaġa li tħalli iktar frott, jew tagħti iktar sens lilek.
Tgħinek tasal aħjar lejn il-milja ta’ ħajtek. Tgħix il-kuntentizza. Issib it-tant elużiv sodisfazzjon. Il-famuż SKOP ta’ ħajtek.
Nafu mmutu għada. U x’ħa nieħdu magħna?
Jiġri spiss li l-anqas ikollok ċans tesperjenzaha din il-bidla – għax il-bieb li jkun ilu mbexxaq, imdendel fuq il-fdal ta’ ċaċċis mherri, jinstabat f’wiċċek.
X’tagħmel meta jiġri hekk? X’tista’ tagħmel?
Tirrassenja ruħek għar-rutina li ilek fiha? Tkompli tkaħħal madwar il-bieb li darba kien imbexxaq f’rabja supperva?
Tkaxkar lilek innifsek il-quddiem. Tkompli sejjer fid-direzzjoni li qiegħed fiha. Tippersisti. U tistudja sew ix-xquq fil-ħitan.
Xi darba xi ħajt għad iċedi. Ir-riħ għad jimbotta tieqa mhux imsakkra sew u jiftaħha beraħ. Xi bieb għad jitbexxaq. Ma tridx tinsa tfittxu. Kultant trid tballatlu daqtejn ta’ sieq biex tara kemm hu magħluq sew. Xi darba ir-rutina għad tisfuma f’oħra ġdida. Xi darba għad tissetilja.