Kikkra Kafe’ Sewda: Litanija ta’ Disfatti

Kikkra Kafe' Sewda

Bonġu sieħbi.

Ilna ftit ma niltaqgħu hawn, ngħidu kelma hux? Ilna ftit.

Mhux hekk hux…it-tnejn konna mħabbtin, jien mod u int ieħor… imma issa qisu ħa nerġgħu naqbdu nissetiljaw fir-rutina komda tagħna.

Le… komda hux. Skomda għala? La hi r-rutina li ħloqna aħna stess għalina nfusna?

Hmm… hekk hu… ir-rutina aħna noħolquha imma tgħejjina wkoll. Inkunu rridu dak il-brejk minnha. Dik il-bidla fir-rutina. Dik iċ-ċaqlieqa żgħira. Ir-rutina li, għalkemm imburġata appuntamenti intenzjonati biss biex jgħinuna nsibu l-verament skop tagħna, tiġi tant tedjanti, tant irritanti… tant monotona… Anke l-kelma nfisha. Ru-w-tijj-na – donnha ma tispiċċa qatt.

U kultant ukoll… taf tfittex… u allura ssib – dak ix-xaqq dawl għal forsi bidu ġdid – il-farka tama li, b’pass jew tnejn, taf tasal tibda rutina differenti, forsi aħjar – imma rutina tibqa. Tibqa’ lsienek imdendel, imlebleb għall-iċken ċans li dik ir-rutina tkissirha, tibdilha f’xi ħaġa li tħalli iktar frott, jew tagħti iktar sens lilek.

Tgħinek tasal aħjar lejn il-milja ta’ ħajtek. Tgħix il-kuntentizza. Issib it-tant elużiv sodisfazzjon. Il-famuż SKOP ta’ ħajtek.

Nafu mmutu għada. U x’ħa nieħdu magħna?

Jiġri spiss li l-anqas ikollok ċans tesperjenzaha din il-bidla – għax il-bieb li jkun ilu mbexxaq, imdendel fuq il-fdal ta’ ċaċċis mherri, jinstabat f’wiċċek.

X’tagħmel meta jiġri hekk? X’tista’ tagħmel?

Tirrassenja ruħek għar-rutina li ilek fiha? Tkompli tkaħħal madwar il-bieb li darba kien imbexxaq f’rabja supperva?

life routine

Tkaxkar lilek innifsek il-quddiem. Tkompli sejjer fid-direzzjoni li qiegħed fiha. Tippersisti. U tistudja sew ix-xquq fil-ħitan.

Xi darba xi ħajt għad iċedi. Ir-riħ għad jimbotta tieqa mhux imsakkra sew u jiftaħha beraħ. Xi bieb għad jitbexxaq. Ma tridx tinsa tfittxu. Kultant trid tballatlu daqtejn ta’ sieq biex tara kemm hu magħluq sew. Xi darba ir-rutina għad tisfuma f’oħra ġdida. Xi darba għad tissetilja.

Day 254 #iconsalwaysgrind #studiolife #entrepreneur #inspiration #liveyourlife #liveyourdreams #goals #noexcuses #motivation #persistence #consistency #progress #learn #forward #opportunity #results #choices #plan #dontquit #nevergiveup #success (at...

Kikkra Kafe’ Sewda: Kullimkien hemm Salib!

Kikkra Kafe' Sewda

Illum dik in-naqa’ sewda u vojta għandna bżonnha iktar mis-soltu, hux ? Aħjar ninfexxu fiha minflok fit-tali…taf għal min qed ngħid. Għax bħal m’għandi tali jien, għandek int, u għandu kulħadd.

Qed ngħid għal dik il-persuna…fil-grupp tal-ħbieb… fil-familja jew fuq ix-xogħol… li ġġiblek demmek ilma. Dik il-persuna li dejjem jirnexxilha ġġibek titkellem tajjeb. (Jew ħażin, proprjament).

Li forsi ġġiegħlek tidgħi ħa.

Ara… ej neqilbu d-diskors għax qed nara subgħajk jibjadu mal-magg u qisek ħa ġġibu frak f’idejk iktar ma nsemmilek. Hux?

Jew…?

Fejn konna. Dawk in-nies diffiċli. Li jġiegħluk tinħaraq, tiżbalja, tinkedd. Tqatta’ s-siegħat tqatta’ l-istonku hekk kif taħseb fihom. F’dik l-aħħar kelma (aktarx botta), li tefgħulek u li int ma sibtx risposta għaliha. Ħasduk biha, hux.

Dawk in-nies li tispiċċa thewden għal ħin twil fuq kif l-aħjar tpoġġi l-kliem, kif ħa forsi tfiehmhom. Tipprova tiġġustifika għalfejn qed jittrattawk kif qed jittrattawk. Tipprova tħares lejk innifsek minn għajnejhom. Forsi tifimhom, tkellimhom, u tbiddilhom.

Forsi jinbidlu. 

Dar-raġunar jispiċċa jaf ikissrek aktar milli jgħinek. Vera li l-komunikazzjoni u d-djalogu għandhom ikunu dejjem priorita’… imma ma tridx tistenna li jsiru mirakli l-anqas. Għax min twieled tond ma jmutx kwadru u min twieled antipatku (kelma goffa imma kultant sinċiera), aktarx imut hekk ukoll. Il-problema m’hix tiegħek, imma tiegħu.

Jistgħu jinbidlu dawn in-nies? – Speċjalment jekk huma komdi fl-antipatija tagħhom?

Le.

Tista’ tbiddilhom int?

Lanqas.

X’tista’ tagħmel dwarha?  Mhux wisq. Ħlief taċċetta li hawn min forsi m’għandux grazzja miegħek. Dak huwa dritt tiegħu, kif inhu dritt tiegħek tiffansja lil min trid.

Isbaħ, poġġejniha hekk hux?

Ħa nieħu boqqa oħra…

… kif? …

Le użgur li m’inix ngħid li ħaddieħor jista’ jagħmillek ħajtek miżerja u jkollok toqgħod għalih. M’aħniex niftiehmu. Jagħmillek ħajtek miżerja min tħalli int. Jaffettwak fit-tul min tagħtih il-permess biex jagħmel hekk.

Ngħiduha kif inhi, jien l-ewwel wieħed ta’ spiss neħel ma’ kelma ta’ dak jew ta’ dik. Imma ninqala’ minnha hekk kif nirrealiżża li jien inkun qed inwaħħal lili nnifsi. U dik il-persuna li qed iġġiegħlni nitmasħan u nitqatta’ u nagħmel imsarni bir-rabja u l-frustrazzjoni…. dik il-persuna aktarx m’għandhiex idea minn xhiex jien għaddej.

Mela… għal li jmiss. Ipprova ikkomunika mal-persuna. Forsi tasal x’imkien magħha. Imma trid taċċetta wkoll li bħal ma f’kull knisja w’kappella ħa ssib salib, hekk ukoll ħa ssib slaleb f’kull xogħol, grupp jew familja. U tixkatla kemm tixkatla fih, forma ta’ salib ħa jibqa’. Taf tneħħi xi skalda jew tnejn, imma s’hemm.

Għal li jmiss sieħbi. Nagħmillek wieħed jien.

 

Kikkra Kafe’ Sewda: Persuna Waħda

Kikkra Kafe' Sewda

X’jum kellna llum. Ikollok tiddiskrivih f’kelma, x’kelma tagħżel? Tqil? Diffiċli? Twil? Antipatku?…

Faċli naqgħu fin-negattiv meta niġu biex niddiskrivu l-jum li għadu kif għadda minn fuqna. Forsi biex inħossuna xi ftit erojċi li wasal il-lejl u għadna nferfru. Forsi biex intaptpu ftit fuq darna.

Illejla nixtieqna nipprovaw alternattiva oħra minflok. Issa li wasalna biex nagħlqu l-jum, issa li ninsabu f’did-dlam ċappa, aħna u dit-tazza kafe’ sewda ddaħħan quddiemna… ejja naħsbu f’dik il-persuna waħda – waħda biss – li llum għenitna nħossuna ftit aħjar. Anke jekk b’kelma. Anke jekk bi tbissima sinċiera.

Bla dubju, bħalissa qed taħseb f’persuna partikolari. Tagħmel tajjeb (u qed ngħid għalija wkoll), jekk qabel tagħlaq għajnejk, qabel ma’ taqbad teqred miegħek innifsek u mal-Mulej tal-jum diffiċli u mpossibli u antipatku u twil u manafx x’iżjed li għoġbu jgħaddik minnu llum, iġġib ukoll fi ħsibijietek lil din il-persuna.

U grazzi Mulej ta’ ________. Għax permezz tiegħu/tagħha, illum kien dik it-tikka żgħira aħjar.

Il-lejl it-tajjeb, ħabib.

giphy.gif

Kikkra Kafe’ Sewda: Ħallini Dalgħodu

Kikkra Kafe' Sewda

Kikkra ta’ filgħodu kmieni din. Sigarett ma niħux issa, grazzi xorta.

Umsomma, ġib wieħed.

Għax m’għandi aptit ta’ xejn nqum għax-xogħol. Anke int, ġieli jiġrilek hekk? Kif jiġrilek hux? Wara lejl imkisser b’ħamsin elf ħsieb li ma setax sab ħin aħjar biex jattakkak, ikollok tqum tiffaċċja jum xogħol ieħor bic-challanges kollha li joffri.

Hemm kelma Maltija għal challanges, imma erħilha, m’għandniex moħħ.

Ehh…tgħid inċempluha sick? Nagħmlu naqa’ karta blu?

Jew?

Jew…

Imma mbagħad jekk ħa noqgħodu noħduha sick mhux se nieħdu jum wieħed biss hux, inkella ma jemmnuniex. Inkunu irridu nieħdu tal-inqas tlieta biex ma jħarsulniex stramb l-għada. Agħmilha ġimgħa. Ġimgħa d-dar. Insibu x’nagħmlu żgur f’ġimgħa d-dar hux.

Imsomma…

Ġimgħa d-dar twila. Immorru naraw xi film. Nitilgħu ġix parties ibossu, ħa. Umbagħad? Kos, dil-ġimgħa hemm holiday f’nofs il-ġimgħa. Għal Għawdex mela.

Kos…din idea – għax ma naqbdux nieħdu l-ġimgħa kollha? Għala le? Ħaddieħor ma jagħmilhomx dawn l-affarjiet? Mela ħa nibqgħu aħna biss tfal sew?

Hmm…hawn għoddu kesaħli l-kafe’…. nagħmlu hekk ta…

Imma stenna ftit. Jekk jibgħatulna t-tabit tax-xogħol, x’nagħmlu? Jew jarana xi proxxmu fuq ta’ Pinu? Das-sajf qisu kulħadd qed itih għal Għawdex.

Kemm qisna ħa nikkumplikawh il-jum dalgħodu.

EHHH.

Stenn ftit, man. Tgħaġġilx. X’ħin sar? Għadek fil-ħin biex tidħol għax-xogħol jekk trid, u qisu ma ġara xejn. Fil-verita’, xejn ma ġara. Kemm ħallejna moħħna jiġri ftit bina. Innamrajna ftit mal-ħsieb, kif jgħidu.

Kont diġa’ qed narani cruise fuq il-Mein Scheiff.

Imma x’taqbad tagħmel jekk vera qomna ħażin għaġeb?

Ħa naħsel wiċċi, xawer malajr u tlaqt għax-xogħol. U llum jgħaddi kif għadda l-bieraħ. U llejla nipprova norqod siegħa iktar ħalli nqum aħjar.

Qas qabbadtu s-sigarett ara.

Sfidi. Dik hi l-kelma li ridt. Sfidi.

 

 

Kikkra Kafe’ Sewda: X’Jaħseb Ħaddieħor Dwari.

Kikkra Kafe' Sewda

Aw sieħbi, kif int? Nieħdu belgħa sewda vojta u forsi sigarett? Jew jekk nieqfu hawn jgħidu fuqna? Jivvintaw xi ħaġa dwarna? Jaslu għal xi konklużjoni li aħjar ma jaslux għaliha?…

Xi jkun ġara b’daqshekk? Eh…meta jitkellmu fuqek, kif tħossok? Tarhom hemm… il-kollegi tax-xogħol…sħabek… il-bffs jew kif isibuhom iż-żagħar u l-leali… kemm tagħti weight lil dak li jgħidu dwarek?

Inkun l-akbar giddieb jekk ngħidlek li ma nagħtix. Imma forsi nagħti ż-żejjed. Forsi…ma nafx hux. Forsi jek inqatta’ inqas ħin ninkwieta fuq x’jaħsbu fuqi dak u dik, u iktar ħin naħseb x’nixtieq nagħmel verament, naħseb inkun iktar kuntent f’ħajti. B’mod inġenerali, mhux hekk?

L-apparenza. Il-ħwejjeġ. Il-figura. L-intelliġenza…jew in-nuqqas tagħha. Min jaf x’jgħidu fuqi u fuqek! Appuntu – min jaf? Ħadd. Mela worth it ninkwieta fuqha? Ma naħsibx. Kulħadd għandu dritt ipeċlaq…jiġġudika… dik injuranza imma parti integrali minna bħala speċi, nimmaġina. U minni u minnek ukoll hux. Mela ħa nipprova ninkwieta ftit inqas dwarha llum.

Ehh x’belgħa kafe’ din.